Asset Recovery Bureau (Malta)
Directories Building,
1, Pitkali Street,
Marsa, MRS 2293
Bħala l-uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi għall-Gżejjer Maltin, l-għan ewlieni tagħna huwa li niżviluppaw u niffaċilitaw metodi tekniċi użati fl-identifikazzjoni u fl-traċċar tal-assi sabiex iwassal għal għadd akbar ta’ konfiski. Għal dan il-għan, l-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi qiegħed jistenna bil-ħerqa li jaħdem mal-Istituzzjonijiet reġistrati kollha sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni operattiva billi ninvestu f’metodi tekniċi ġodda filwaqt li jiġu adottati miżuri ta’ simplifikazzjoni permissibbli, u bdil ta’ informazzjoni bl-aħjar prattiċi possibli sabiex jgħinu għall-identifikazzjoni u t-traċċar ta’ assi kriminali.
L-identifikazzjoni, it-traċċar, l-iffriżar, il-konfiska u l-irkupru tal-assi huma modi effettivi biex tiġi indirizzata l-kriminalità u jiġi evitat li d-dħul tagħha jiġi investit mill-ġdid fl-ekonomija leċita u użat għal aktar attivitajiet kriminali. Mill-perspettiva tal-Unjoni Ewropea, saru sforzi sostanzjali f’dan il-qasam, l-aktar bit-twaqqif ta’ Uffiċjali għall-Irkupru tal-Assi fl-Istati Membri tal-UE u fil-kooperazzjoni reċiproka fost dawn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi. L-Avviż Legali № 180 tal-2021 dwar ir-Regolamenti tal-2021 dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Ordnijiet ta’ Iffriżar u ta’ Ordnijiet ta’ Konfiska, innomina lill-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi bħala l-awtorità kompetenti li toħroġ u tesegwixxi skont ir-Regolament tal-UE 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018. Ir-Regolament jippermetti eżekuzzjoni ta’ malajr ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u konfiska barranin jew lokali bejn Stati Membri differenti mingħajr formalitajiet ineffiċjenti.
Il-kapaċità li jiġu kkonfiskati l-assi tiddependi direttament fuq il-kapaċità ta’ kif jiġu identifikati, rintraċċati u ta’ kif “issegwi l-flus”. U filwaqt li l-UE tkompli tappoġġja t-twaqqif tal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi u l-għoti tas-setgħat u r-riżorsi meħtieġa lil dawn l-Uffiċċji, f’Malta, ir-Regolamenti tal-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi ġew ippromulgati bl-Avviż Legali №. 357 tal-2015. Dawn saru mill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja, bis-saħħa tas-setgħat mogħtija lilu bl-artikolu № 700 tal-Kodiċi Kriminali. Għadd mid-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dawn ir-Regolamenti, fil-fatt, iddaħħlu fis-seħħ bil-Leġislazzjoni Sussidjarja № 9.23 fl-1 ta’ Ottubru 2017. Dan sar biex ikun jistgħu jitwaqqfu l-istrutturi meħtieġa tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi (ARB) u biex tinbena l-kapaċità tiegħhu ħalli jkun jista’ jibda jaħdem. Dan l-istadju intlaħaq sa nofs l-2018 u d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Avviż Legali № 357 tal-2015 daħlu fis-seħħ mill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja, fl-20 ta’ Awwissu 2018, permezz tal-Avviżi Legali № 283 u № 284 tal-2018. Dan ikun ifisser ukoll li l-każijiet il-ġodda kollha riferuti għall-Iffriżar u l-Konfiska, mill-20 ta’ Awwissu 2018, se jkunu mmexxija mill-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi.
L-Att dwar Dħul mill-Kriminalità, Kapitolu 621 tal-Liġi ta’ Malta ġie ppromulgat fit-12 ta’ Marzu 2021. Il-leġiżlazzjoni tipprevedi għall-identifikazzjoni, it-traċċar, l-iffriżar u l-konfiska tad-dħul mill-kriminalità u għat-twaqqif tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi bħala korp indipendenti mill-Gvern.
L-Att dwar id-Dħul mill-Kriminalità ta setgħat ġodda lill-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi li prinċipalment iduru madwar l-abbiltà ta’ l-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi biex jieħu azzjoni permezz ta’ Miżuri Preventivi fi stadji differenti ta’ investigazzjoni kriminali li jinkludu azzjonijiet li jistgħu jittieħdu waqt il-proċess ta’ qabel il-kawża, l-arrest, is-sentenza u l-istadji ta’ wara s-sentenza. Aktar karatteristiċi innovattivi li ġew imdaħħla bid-dħul fis-seħħ tal-Att dwar id-Dħul mill-Kriminalità jinkludu wkoll emendi għad-definizzjoni ta’ proprjetà li tikkontribwixxi direttament jew indirettament għad-dħul minn kriminalità billi d-definizzjoni msemmija tingħata interpretazzjoni aktar wiesgħa. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ rejat rilevanti kienet ukoll soġġetta għal bidla fl-Att u issa hija meqjusa bħala kull xorta ta’ rejat taħt kwalunkwe liġi, u mhux rejat ta’ natura involontarja, suġġett għall-piena ta’ priġunerija jew detenzjoni għal terminu massimu ta’ mill-inqas sena. Fattur ieħor fl-Att li wieħed irid jieħu ħsiebu u huwa evidenti ħafna, huwa l-fatt li anke jekk tkun ingħatat ordni ta’ konfiska mill-Qorti rilevanti, min wettaq ir-rejat xorta jkun obbligat iħallas lil kull persuna għal kull ħsara kkawżata mir-rejat.
It-Tieni Taqsima tal-Att dwar il-Proċedimenti tal-Kriminalità tistabbilixxi l-funzjonijiet u s-setgħat ta’ l-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi filwaqt li b’mod inerenti it-Tielet Parti stabbilixxiet sezzjoni ġdida tal-Qorti Ċivili li hija msejjħa bħala l-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Irkupru tal-Assi). It-Taqsima in kwistjoni u l-Ħames Taqsima prinċipalment jippreskrivu l-proċeduri tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Irkupru tal-Assi) u jirregolaw ukoll kull xorta ta’ tilwim relatat mad-determinazzjoni ta’ liema proprjetà tikkostitwixxi d-dħul mill-kriminalità. Is-Sitt Taqsima tal-Att tistabbilixxi wkoll il-funzjoni kontemporanja ta’ Konfiska mhux Ibbażata fuq Kundanna li tipprovdi għall-irkupru ta’ proprjetà soġġetta għal konfiska f’sitwazzjonijiet fejn, fil-ġudizzju tal-Avukat Ġenerali, mhuwiex xieraq, f’ċerti każijiet, li tiġi rkuprata tali proprjetà permezz ta’ konfiska mhux ibbażata fuq kundanna bħala parti minn prosekuzzjoni kriminali.
Asset Recovery Bureau (Malta),
Directories Building
1, Triq il-Pitkali,
Marsa,
MRS 2293
Asset Recovery Bureau (Malta)
Directories Building,
1, Pitkali Street,
Marsa, MRS 2293